Il-Festival tal-Eurovision tat-Tfal, huwa konkors internazzjonali tal-kanzunetti, organizzat mill-European Broadcasting Union (EBU) u li hu miftuħ esklussivament għal membri ta' din konfederazzjoni. Dan isir kull sena ġewwa belt Ewropea.

Din il-kompetizzjoni tgawdi minn diversi similaritajiet mal-Festival tal-Eurovision. Kull stazzjon parteċipanta tibgħat esebituri, li għandhom ikunu bejn 10 u 15 sena, u kanzunetta oriġinali ta' madwar 2 minuti u 30 sekonda - 2 minuti u 45 sekonda, biex jikkompetu kontra kompetituri oħrajn. Kull kanzunetta tirrappreżenta lil pajjiż partikulari. It-telespettaturi minn dawn il-pajjiżi huma mistiedna sabiex jivvotaw għall-aqwa esebizzjonijiet permezz tat-televotazzjoni (minkejja li ġurija tista' tintuża jekk stazzjon ma tkunx tista' txandar il-festival b'mod dirett). Ir-rebbieħ finali tal-festival ikun dak li rċieva l-aktar punti wara li inġabru l-voti kollha.

Barra l-pajjiżi li jieħdu sehem, il-konkors jintwera wkoll f'diversi territorji oħrajn fosthom il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Estonja, l-Awstralja u l-Iżrael. Minn 2006 il quddiem il-festival beda jiġi muri direttament fuq l-internet permezz tas-sit uffiċjali tal-Konkors.

Il-format tal-festival baqa' relattivament l-istess matul il-kors tal-istorja tiegħu, dan jikkonsisti f'esebizzjonijiet mużikali diretti minn artisti li jkunu daħlu fil-kompetizzjoni grazzi għax-xandarin parteċipanti. L-EBU jissostni: l-għan tal-programm hu li jippromwovi talenti żgħażagħ fil-kamp tal-mużika popolari, mingħajr ma jinkoraġġixxi kompetizzjoni fost il-kompetituri.

